Riżorsi ta' tagħlim

Il-Parlament Ewropew joffri riżorsi differenti biex jgħinek tqarreb l-Ewropa lejn l-istudenti tiegħek b'mod interattiv. F'din it-taqsima, se ssib lezzjonijiet attivi, moduli tematiċi, settijiet ta' għodod pedagoġiċi u materjali awdjoviżivi biex tiddiskuti suġġetti Ewropej rilevanti, toħloq dibattitu u taħdem mal-istudenti tiegħek b'mod pjaċevoli.

  1. Jekk qed taħseb dwar kif tista' tgħaqqad it-tagħlim tal-istorja Ewropea mad-dinja kontemporanja tagħna, Dar l-Istorja Ewropea żviluppat materjal edukattiv għalik u għall-istudenti tiegħek. Tista' tesplora - fil-klassi tiegħek, f'darek jew f'kuntest edukattiv ieħor - xi temi ewlenin li għandhom daqstant rilevanza għal ħajjitna llum daqskemm kellhom l-Ewropej tal-passat. Jekk tinzerta żżur il-mużew se tiskopri wkoll riżorsi fil-post li janalizzaw dawn it-temi.
  1. Esplora d-dinja affaxinanti tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ dawn il-filmati ta’ spjegazzjoni. Dawn il-filmati qosra u informattivi jispjegaw b’mod sempliċi suġġetti kumplessi u jagħmluhom faċli għal kulħadd biex jifhimhom. Fi ftit kliem, din hija għodda ta’ tagħlim interattiva perfetta għaż-żgħażagħ!

    Skopri l-filmati ta’ spjegazzjoni

  2. Skopri l-istejjer ta' ispirazzjoni tar-rebbieħa tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew li ddedikaw lilhom infushom għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt. Fosthom hemm Malala Yousafzai, ir-rebbieħa tal-2013, li kellha biss ħdax-il sena meta bdiet tagħmel kampanja favur id-dritt għall-edukazzjoni fil-Pakistan. Dissidenti, mexxejja politiċi, ġurnalisti, avukati, attivisti tas-soċjetà ċivili, kittieba, mexxejja tal-minoranzi, attivisti tal-paċi, u produtturi tal-films huma biss ftit eżempji tal-profili ta' dawn in-nies ta' ispirazzjoni. Permezz tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb, l-ogħla ġieħ mogħti mill-Unjoni Ewropea għall-ħidma tad-drittijiet tal-bniedem, u l-Komunità tagħha, l-UE tappoġġa u tagħti s-setgħa lir-rebbieħa fl-isforzi tagħhom biex jiddefendu l-kawżi tagħhom. Ara l-librerija tal-Premju Sakharov biex tiskopri pubblikazzjonijiet, materjal awdjoviżiv, posters u films biex tiddiskuti suġġetti marbuta mad-drittijiet tal-bniedem mal-istudenti tiegħek.
  3. Tgħallem dwar ir-rwol tal-Parlament Ewropew fl-istituzzjonijiet u l-politiki tal-Unjoni. Fuq dawn l-iskedi informattivi se tiskopri aktar dwar suġġetti bħall-ekonomija, it-tkabbir, id-drittijiet fundamentali u r-relazzjonijiet esterni tal-UE.
  4. L-għan ta’ dan il-kitt pedagoġiku huwa li jagħti lill-edukaturi gwida prattika għall-wirja “Art in Democracy”. Wieħed jista’ jżur il-wirja fiżikament f’postijiet differenti fi Brussell u Strażburgu, iżda l-aktar importanti, il-materjal kollu huwa aċċessibbli wkoll online. Linformazzjoni pprovduta tieħu approċċ aktar ġeneriku sabiex tkun tista’ tiġi adattata għal kuntesti edukattivi fil-livell internazzjonali li jvarjaw fil-pajjiżi differenti. Għalhekk, jekk jogħġbok toqgħodx lura milli tuża din l-offerta skont il-ħtiġijiet tiegħek stess.

    Niżżel il-kitt pedagoġiku