Dwar L-EPAS
Il-Programm "Skola Ambaxxatriċi tal-Parlament Ewropew" (EPAS) għandu l-għan li jqajjem kuxjenza dwar id-demokrazija parlamentari Ewropea, ir-rwol tal-Parlament Ewropew u l-valuri Ewropej fost l-istudenti. Iħeġġiġhom ukoll jipparteċipaw b'mod attiv fil-proċessi demokratiċi tal-UE. Il-programm huwa mmirat lejn studenti minn sfondi edukattivi, soċjali u ġeografiċi differenti.
ATTIVITAJIET
L-għalliema u l-istudenti jinħatru bħala Senior u Junior Ambassadors mill-iskejjel li jintgħażlu biex jieħdu sehem fil-programm u jiġu inkarigati bl-implimentazzjoni tiegħu. L-għalliema jieħdu ħsieb l-aspett edukattiv, primarjament billi jorganizzaw lezzjonijiet dwar id-demokrazija parlamentari Ewropea. L-edukaturi jistgħu jużaw il-materjal edukattiv interattiv tal-Parlament Ewropew li jinkludi informazzjoni ġenerali u fatti dwar l-UE, taħriġ dwar il-parteċipazzjoni u l-ħiliet demokratiċi, logħbiet tar-rwoli għall-klassi u kwiżżijiet. L-għalliema u l-istudenti jintalbu jagħmlu attivitajiet differenti, pereżempju joħolqu Info Point dwar l-UE, jorganizzaw avvenimenti għal Jum l-Ewropa jew joħolqu kontenut għall-midja soċjali. Ikunu f'kuntatt ma' Membri tal-Parlament Ewropew, kif ukoll ma' Ambaxxaturi u sħab oħra, u jinteraġixxu mal-komunitajiet tagħhom.
AKKREDITAMENTI U BENEFIĊĊJI
Fl-aħħar ta' kull sena skolastika jiġu evalwati l-attivitajiet imwettqa mill-iskejjel. Meta jlestu l-programm, l-iskejjel jiġu ċċertifikati bħala Skejjel Ambaxxaturi, filwaqt li s-Senior u l-Junior Ambassadors jingħataw ċertifikati f'ċerimonja organizzata mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'pajjiżhom, ħafna drabi fil-preżenza ta' Membri tal-Parlament Ewropew, awtoritajiet nazzjonali u lokali u sħab oħra. L-għalliema u l-istudenti jistgħu wkoll jingħataw il-possibbiltà li jipparteċipaw f'sessjonijiet ta' Euroscola fi Strażburgu jew f'avvenimenti oħra organizzati mill-Parlament Ewropew fl-Istati Membri u fi Brussell jew Strażburgu.