Kif nista' napplika?
Ara hawn min kienu r-rebbieħa Ewropej tal-edizzjoni tal-2024.
L-applikazzjonijiet bħalissa huma magħluqa.
Kif nista' napplika?
Int residenti fl-UE, għandek bejn 16 u 30 sena u qed taħdem fuq proġett Ewropew? Mela tista' tkun ir-rebbieħ li jmiss tal-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej! Applika bil-proġett tiegħek, irċievi sa €7,500 u l-għajnuna li teħtieġ biex tkompli tiżviluppa l-inizjattiva tiegħek. Kull sena, il-Parlament Ewropew u l-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta' Aachen jagħtu l-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej lil proġetti li jispiraw u li qed ibiddlu l-Ewropa, u li huma mmexxija miż-żgħażagħ madwar l-UE.
Skeda għall-2024
- L-18 ta' Jannar 2024: tnedija tal-kompetizzjoni
- L-12 ta' Frar 2024: skadenza għat-tressiq tal-proġetti
- L-20 ta' Marzu 2024: tħabbira tar-rebbieħa nazzjonali
- L-7 ta' Mejju 2024: Ċeremonja tal-għoti tal-premjijiet f'Aachen
Ir-regoli
Qabel tapplika, kun ċert li taqra l-verżjoni sħiħa tar-regoli tal-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej. Proġetti li ma jissodisfawx il-kriterji identifikati fir-regoli mhux se jitqiesu għall-evalwazzjoni.
Biex ikunu eliġibbli, il-proġetti jridu jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:
1. Iridu jkunu wrew kisbiet fl-oqsma li ġejjin:
- Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni u l-fehim kemm madwar l-Ewropa kif ukoll internazzjonalment, abbażi tal-valuri demokratiċi (bħal, pereżempju, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem);
- Il-promozzjoni ta' sens kondiviż ta' identità Ewropea u integrazzjoni Ewropea;
- L-inkoraġġiment ta' żgħażagħ oħra fl-Ewropa biex jinvolvu ruħhom fid-demokrazija tagħna;
- Joffru eżempji prattiċi ta' Ewropej li jgħixu flimkien bħala komunità waħda.
2. Dawn iridu jkunu ġew sottomessi minn persuna żagħżugħa li tirrisjedi f'wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE u li jkollha bejn 16 u 30 sena fid-data tal-applikazzjoni.
Ispira ruħek mir-rebbieħa preċedenti tal-premju u l-proġetti tagħhom.
Kriterji tal-għoti
Il-proġetti jiġu evalwati skont il-kriterji li ġejjin:
- Kemm intlaħqu tajjeb l-objettivi tal-premju;
- Il-kreattività u l-oriġinalità tal-proġett, inklużi inizjattivi innovattivi;
- Proġetti b'dimensjoni transnazzjonali (li jinvolvu żgħażagħ minn aktar minn Stat Membru wieħed) se jingħataw prijorità.
Proċedura tal-għażla
L-għażla ssir f'żewġ stadji. L-ewwel nett, il-ġurija nazzjonali f'kull Stat Membru tiddeċiedi l-aħjar proġett nazzjonali. Wara dan, minn 27 proġett nazzjonali rebbieħ, il-ġurija Ewropea tiddeċiedi t-tliet proġetti Ewropej rebbieħa.
Il-ġurija nazzjonali f'kull Stat Membru tikkonsisti minn żewġ Membri tal-Parlament Ewropew u rappreżentant mis-settur taż-żgħażagħ, u tintgħażel kull sena. Għal aktar informazzjoni dwar il-proċedura nazzjonali tal-għażla fl-Istat Membru tiegħek, jekk jogħġbok irreferi għall-Uffiċċju ta' Kollegament tal-Parlament Ewropew f'pajjiżek.
Il-ġurija Ewropea li tagħżel it-tliet rebbieħa Ewropej hija magħmula minn:
- Il-President tal-Parlament Ewropew;
- Żewġ Membri tal-Parlament Ewropew;
- Tliet rappreżentanti tal-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta' Aachen;
- Żewġ rappreżentanti tas-settur taż-żgħażagħ (inklużi rebbieħa preċedenti tal-premju).
Id-deċiżjoni tal-ġurija Ewropea hija finali.
Il-premju
- It-tliet proġetti Ewropej rebbieħa jirċievu l-premjijiet li ġejjin: il-premju għall-ewwel post huwa ta' €7,500, il-premju għat-tieni post huwa ta' €5,000 u l-premju għat-tielet post huwa ta' €2,500.
- Rappreżentanti tar-rebbieħa nazzjonali huma mistiedna ghaċ-cerimonja tal-għoti tal-Premju Karlu Manju f'Aachen.
- Bħala parti mill-premju, ir-rebbieħa finali Ewropej jiġu mistiedna jżuru l-Parlament Ewropew (fi Brussell jew fi Strasburgu).
- Rappreżentant minn kull 3 rebbieħa Ewropej se jingħata l-opportunità ta' traineeship Schuman fil-Parlament Ewropew. Ir-rappreżentant li jkun innominat għat-traineeship għandu jkun parti mit-tim ewlieni tal-proġett rebbieħ u jissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà kollha għall-iskema tat-traineeship. It-traineeship għandu jinbeda jew fl-1 ta’ Ottubru jew inkella fl-1 ta’ Marzu fit-12-il xahar wara li jkun ingħata l-Premju. Id-dettalji dwar din l-opportunità se jiġu kkomunikati direttament lill-proġetti rebbieħa nazzjonali qabel iċ-Ċerimonja tal-Ippremjar.
Jekk għandek xi mistoqsijiet, ikkuntattjana fuq youth@europarl.europa.eu. (Politika tal-privatezza)