Dwar il-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ
Il-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej huwa premju li jingħata lil proġetti mmexxija miż-żgħażagħ li jrawmu d-demokrazija, jippromwovu ċ-ċittadinanza attiva u jgħaqqdu l-komunitajiet. Jiċċelebra l-ħidma qawwija li ż-żgħażagħ jagħmlu kuljum biex isawru identità Ewropea kondiviża u jħallu impatt dejjiemi fuq il-futur tal-Ewropa.
Il-premju huwa organizzat b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta’ Aachen.
Sabiex tipparteċipa fil-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej, hemm bżonn dan li ġej:
- Ikollok proġett Ewropew li bih tixtieq tapplika;
- Ikollok bejn 16 u 30 sena;
- Tkun resident ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-UE. Tista’ tissottometti proġett bħala applikant individwali jew inkella f’isem organizzazzjoni jew grupp ta’ żgħażagħ.
Il-ġurija nazzjonali ta’ kull Stat Membru l-ewwel tevalwa l-proġetti kollha ppreżentati f’dak il-pajjiż, u tagħżel wieħed minnhom. Minn dawn is-27 rebbieħ nazzjonali, il-Ġurija Ewropea tagħżel l-aqwa tliet rebbieħa Ewropej u dawn jingħataw sa €7,500 fi flus għall-proġetti tagħhom.