Lezzjonijiet attivi dwar l-Unjoni Ewropea

L-għodda edukattiva 'Europe@school - Lezzjonijiet attivi dwar l-Unjoni Ewropea' tinkludi manwal għall-għalliema u seba’ taqsimiet indipendenti. Kull taqsima fiha linji gwida u materjal biex jgħinu lill-edukaturi jgħallmu dwar temi differenti tal-UE.

  1. Dan il-kwiżż fih 12-il mistoqsija b'għażla multipla. Jista' jintlagħab fil-klassi jew mal-iskola kollha. M'hemmx limitu fuq l-għadd ta' parteċipanti. Tul, bejn wieħed u ieħor: 15-il minuta

  2. L-għan ta' din il-logħba hu li l-istudenti jiffamiljarizzaw ruħhom mal-Istati Membri tal-UE. L-istudenti jaħdmu f'timijiet biex jiddeċifraw il-kodiċi kemm jista' jkun malajr. L-għan ta' dan l-eżerċizzju hu li jqajjem il-kurżità tal-istudenti biex isiru jafu liema pajjiżi huma Stati Membri tal-UE. Tul, bejn wieħed u ieħor: 40 minuta

  3. Din il-logħba hi ddedikata għal dawk il-mumenti li fihom l-istudenti jiltaqgħu mal-UE fil-ħajja ta' kuljum, u tinkludi eżempji konkreti ta' leġiżlazzjoni tal-UE. F'din il-logħba eliminatorja, għal kull eżempju li jingħata, l-istudenti jindikaw jekk jaħsbux li hu att leġiżlattiv tal-UE jew le. Tul, bejn wieħed u ieħor: 20 minuta

  4. Dan il-modulu jibda b'logħba "four-of-a-kind", li permezz tagħha l-parteċipanti jiskopru l-valuri tal-UE u xi eżempji konkreti ta' kif jitqiegħdu fil-prattika. Imbagħad l-istudenti jintalbu jirriflettu dwarhom b'mod kritiku permezz ta' eżerċizzju individwali. Fl-aħħar nett ikomplu jtejbu l-ħiliet demokratiċi tagħhom permezz ta' dibattitu fi klassi, b'għażla minn fost 16-il dikjarazzjoni. Tul, bejn wieħed u ieħor: 30 minuta + 10 minuti għal kull dikjarazzjoni

  5. Din il-logħba tar-rwoli tpoġġi lill-istudenti tiegħek fil-pożizzjoni ta' Membru tal-Parlament Ewropew. Għal siegħa jew sagħtejn, il-klassi ssir il-Parlament Ewropew innifsu, u l-istudenti jiddiskutu kif jistgħu jindirizzaw temi attwali differenti tal-UE bħat-tisħin globali, ir-regoli dwar it-tabakk u l-possibbiltà li l-UE jkollha l-armata tagħha.

  6. Din il-lezzjoni tinkludi eżerċizzju li jgħallem lill-istudenti kif jidentifikaw kontenut potenzjalment manipulattiv u ttihom iċ-ċans jiddiskutu kif jevitaw li jaqgħu fin-nassa. Fiha taħlita ta' preżentazzjonijiet u attivitajiet fi grupp. Tagħti wkoll ideat ibbażati fuq logħob dwar is-suġġett, kif ukoll qari ieħor suġġerit, u lista ta' organizzazzjonijiet ta' verifika tal-fatti.

  7. Il-manwal jiddeskrivi l-kunċett tal-għodda kif ukoll l-approċċ modulari, il-metodoloġiji attivi u l-prinċipji edukattivi tagħha. Fih ukoll lista ta' riżorsi didattiċi komplementari.