Edizzjonijiet preċedenti ta' Euroscola

Mit-tnedija tal-proġett fl-1990, mijiet ta' eluf ta' studenti qattgħu ġurnata fil-bini tal-Parlament Ewropew, jiddibattu, jiddiskutu u jaqsmu l-fehmiet tagħhom ma' kollegi fil-forma ta' Parlament Ewropew taż-Żgħażagħ multilingwi.

Madankollu, il-pandemija tal-COVID-19 ikkanċellat kull waħda mit-12-il sessjoni fuq il-post li kellhom isiru minn Marzu 2020 u ġew proposti sessjonijiet online, biex l-istudenti u l-għalliema jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-programm Euroscola b'mod remot filwaqt li tinżamm in-natura edukattiva u interattiva tiegħu ffukata fuq kwistjonijiet tal-UE.

Hekk twieled Euroscola Online.

Iż-żewġ elementi li jiddefinixxu il-programm Euroscola Online jikkonsistu fi skambju ma' Viċi President tal-Parlament Ewropew matul sessjoni ta' Mistoqsija u Tweġiba u l-''Laboratorju tal-Innovazzjoni'', laboratorju għall-qsim tal-ideat tal-parteċipanti żgħażagħ dwar settur ta' politika Ewropea ma' esperti tematiċi.

Bit-twaqqif ta' Interactio bħala pjattaforma tal-vidjo bi streaming dirett u interattiva u l-possibbiltà li jintbagħat kontribut bil-miktub permezz ta' Slido, il-programm Euroscola jaġixxi bħala l-ewwel pass biex jinkludi parteċipanti online f'avvenimenti futuri bi preżenza fiżika. Dan se jżid l-għadd ta' parteċipanti b'massimu ta' 2000 għal kull avveniment, flimkien ma' madwar 500/600 student mistiedna biex jipparteċipaw fl-emiċiklu fi Strasburgu.